The
Society

 

 

Mission
Statement

The
Founder

 

 

Superior
General


The Society

Is-Soċjetà M.U.S.E.U.M. żgur li qed tagħti kontribut utli ħafna lill-Knisja f’pajjiżna.Dan l-aktar għax is-Soċjetà tagħna għandha bħala l-missjoni prinċipali tagħha l-katekeżi u l-Evanġelizazzjoni li hi l-missjoni ewlenija tal-Knisja, kif ukoll il-ħolma tal-maħbub Fundatur Dun Ġorġ Preca: li Alla jkun magħruf u maħbub. L-awtoritajiet tal-Knisja japprezzaw din il-ħidma.

Is-Soċjetà għandha membru fil-Forum Għaqdiet Kattoliċi, oħra fil-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ, oħra fil-Kummissjoni Pastorali fid-dinja tax-xogħol, oħrajn jagħtu sehem qawwi fil-Kummissjoni Kateketika. Membru ieħor tagħti korsijiet fi ħdan is-segretarjat Paroċċi.

Fid-diversi oqsma, l-membri jagħtu il-kontribut tagħhom fil-ħidma parrokjali, kemm fuq il-livell tal-Kunsill Pastorali , kif ukoll spiss fuq il-Kumitat Kateketiku Parrokkjali.

Minn naħa tagħha is-Soċjetà tħoss li waqt li għandha tagħti dejjem il-kontribut sħiħ tagħha fil-Knisja, dan tagħtih sakemm dan il-kontribut ikun jaqbel mal-kariżma ewlenija tal- M.U.S.E.U.M.

Meta tagħti ħarsa lejn l-attività kollha li s-Soċjetà qed tagħmel fil-Gżejjer Maltin, ma jistax ikun li ma tħossx id-dover li trodd ħajr lil Alla talli għoġbu jinqeda biha fil-missjoni tant importanti li tgħallem lill-bnedmin it-Tagħlim tal-Ħajja li hu tant meħtieġ biex il-bniedem jogħġob lil Alla u jgħix ħieni fuq l-art. Il-Mulej ikompli jkattar il-vokazzjonijiet u fuq kollox l-ispirtu tal-qdusija biex din il-ħidma, mibdija fostna mill-Fundatur, tissokta u tħalli ħafna frott għall-akbar glorja t’Alla .


Il-Missjoni tas-Soċjeta’ fl-Awstralja

Is-sezzjoni femminili tas-Soċjetà bdiet taħdem fl-Awstralja meta tlett aħwa mill-Qasam ta' l-Imsida, Miriam, Patricia, u Jane Belli emigraw mal-familja tagħhom fl-Awstralja u waslu f’Marzu 1961. Magħhom ingħaqdet ukoll is-soċja l-oħra minn Ħal-Qormi, Georgina Camilleri li kienet waslet Melbourne xahar qabel. Bdew jiltaqgħu darba fil-ġimgħa wara x-xogħol, għall-Assenjatur. Fr. Joe Abela li kien imexxi s-Soċjetà (sezzjoni maskili) fl-Awstralja mill-ewwel ħa  ħsiebhom u beda jlaqqagħhom kull ġimgħa u jippreparhom biex jgħallmu d-duttrina li fl-Awstralja ssir bl-ingliż.

Wara ftit żmien, Fr. Abela ntroduċa lis-soċi ma’ l-Arċisqof tal-post, Monsinjur Knox (illum Kardinal), li tahom il-permess li jgħallmu d-duttrina fil-kripta tal-Knisja St. Mary f’West Melbourne. Din il-kripta kienet diġà qed tintuża mis-soċi rġiel. Hawn il-membri bdew jgħallmu d-duttrina liż-żgħażagħ u t-tfal kull nhar ta’ Sibt. Il-Ħadd kienu jiltaqgħu għall-Unjoni u Programmi oħra. Magħhom bdew jattendu emigranti oħra – is-Soċja Ġuża Attard u l-Kandidati Lucy Attard u Lilian Drago.

Sena wara, fl-1962 , Fr.Abela tħabat biex ġabilhom il-permess biex jgħallmu d-duttrina darba fil-ġimgħa fil-paroċċa ta' St. Paul f’West Sunshine. Damu jgħallmu f’dil-paroċċa għaxar snin, imbagħad kellhom jieqfu minħabba d-diffikultajiet u nuqqas ta' ftehim li nqalgħu mal-paroċċa. Wara kuntatt ma’ kappillan ta’ paroċċa Maltija aktar tard fl-istess sena, is-soċi bdew jgħallmu, ( u għadhom s’issa), fil-paroċċa ta’ St. Bernardette f’North Sunshine.

Fl-1972 bdew jippreparaw it-tfal għas-sagramenti. It-tfajliet tal-klassi tal-kbar u l-Young helpers (il-Katekisti), bdew jattendu għall-programmi Speċjali tas-Soċjetà bħal ma huma fil-Milied u fl-Għid.

Fl-1985, delegazzjoni  ta’ erba’ soċi mmexxija minn Hilda Chircop (dak iż-żmien il-primarja) żaret l-Awstralja u saret Sajda Museumina fost l-emigranti Maltin. Saru ħafna laqgħat fi tlett stati ta’ l-Awstralja, new South Wales, Victoria, u South Australia. Attendew numru kbir ta’ Maltin.  F’dak iż-żmien, fi New South Wales, ġiet mogħtija l-kariga lill-ewwel Superjura Partikolari u saret l-ewwel ċerimonja tal-Magħżulin.

Ġewwa Victoria infetħet  l-ewwel fergħa tal-Koperaturi tas-Soċjetà, ukoll is-soċja Salvina Puli li ma kienetx baqgħet tattendi reġgħet bdiet tattendi u ngħatat il-kariga li tieħu ħsieb il-grupp tal-koperaturi.

F’Melbourne hemm is-Superjura Miriam Belli u s-Soċi Patricia Belli, Georgina Camilleri, Salvina Puli u Madalena Borg. L-aħwa Belli bejniethom jagħmlu qari mill-kotba tas-Soċjetà, tapes eċċ. U jagħtu importanza kbira lill-Kultijet u l-Programmi Speċjali. Darba fis-sena jiġi organizzat irtir.


Sydney

F’Sydney, New South Wales hemm is-Superjura Maria Grech u s-soċja Damaxxena Ciappara. (kien hemm ukoll is-soċja Lora Meli li mietet fl-1990) dawn kienu jgħallmu d-duttrina fiċ-Ċentru tal-Maltin fi Blacktown u jippreparaw it-tfal għas-sagramenti.


Adelaide

F’Adelaide, South Australia hemm is-soċja Carmen Farrugia. Din tgħallem id-duttrina fil-paroċċa tagħha darba f’ġimgħa u tgħin lil kappillan fil-preparazzjoni għas-Sagramenti tat-tfal. Għandha wkoll fergħa tal-Koperaturi u tiġborhom darba fix-xahar fiċ-Ċentru tal-Maltin.