Ġannina Cutajar: 1893-1958 (maltese)
L-ewwel Superjura Ġenerali tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija M.U.S.E.U.M. (Sezzjoni Femminili)
F’numru 44 Pjazza Raħal Ġdid, twieldet tarbija oħra lill-familja Cutajar. Propju fit-13 ta’ Frar ta’ l-1893 Anġlu u ...... kienu mbierka b’tarbija li tawha l-isem ta’ Ġannina. Din kienet tifla qalb żewġ subien, wieħed minnhom kien jismu Karmenu li diġà kien ingħaqad mas-Soċjetà tal-Papidi.
Dun Ġorġ spiss kien iżur l-qasam f' Raħal Ġdid, wieħed mill-ewlenin oqsma. Dun Ġorġ ma kienx jonqos milli jgħaddi jżur lill-familja Cutajar li kienet meqjusa waħda mill-aktar familji għonja. Is-Sur Anġ, missier Ġannina kien bin-negozju ta’ l-inbid. Kellhom dar kbira li magħha kellha żewġ imħażen kbar li jinfdu ma’ Triq Santa Monika. Dun Ġorġ kellu ħsieb f’moħħu u f’Ġannina kien jara li l-ħolma tiegħu setgħet titwettaq. Għaldaqstant darba sab lil Karmenu u qallu bil-ħsieb tiegħu, filwaqt li spjegalu kemm Ġannina tista’ tkun ta’ għajnuna biex hu jasal jara l-ħolma tiegħu isseħħ, jigifieri li tgħallem il-katekiżmu lill-bniet. Ġannina kien għad biss kellha 16-il sena, meta ħuha Karmenu poġġa quddiemha din il-proposta. B’dana kollu, hi laqgħet l-istedina u obdiet is-sejħa li għamlilha l-Mulej permezz tal-fundatur Dun Ġorġ Preca.
Ġannina kienet tfajla sempliċi u kienet għada tieħu gost b’affarijiet sempliċi, imma kellha xewqa kbira li titgħallem. Meta Dun Ġorġ fehem li din it-tfajla twajba kienet lesta li taħdem, allura ddeċieda li jmur u jkellimha personalment. Propju lejn is-sena 1909 Ġannina tkellmet hekk quddiem l-awtorita’ tal-Knisja: "Ġejt mistiedna minn Dun Ġorġ Preca biex ngħallem il-Katekiżmu u niddedika ħajti kollha kemm hi għall-Appostolat tat-tagħlim." Dun Franġisk Attard, il-Kappillan ta’ Ħal Tarxien li kellu rabta mal-Paroċċa ta’ Raħal Ġdid, ta l-permess lil Ġannina biex tibda tgħallem il-katekiżmu.
Fl-10 ta’ Jannar ta’ l-1910 infetħet l-ewwel dar tal-bniet tas-Soċjetà tal-Museum. Minħabba li l-Kappillan kien jafha sewwa lil Ġannina u kien jaf kemm kienet tfajla tajba ma sab l-ebda oġġezzjoni, anzi għall-kuntrarju, huwa ħadem id’ f’id magħha biex is-Soċjetà tifjorixxi fir-Raħal il-Ġdid, aktar u aktar issa li f’Lulju ta’ l-istess sena, Raħal Ġdid ma’ baqax jagħmel mal-Parroċċa ta’ Ħal Tarxien. Minħabba li Dun Ġorġ kien raġel, kien isibha ftit bi tqila biex jiffrekwenta l-oqsma tal-bniet li bdew jiżdiedu ftit ftit. Dan b’kuntrarju għal dawk tas-subien. Jidher li kienu sarulu xi osservazzjonijiet għaliex dak iż-żmien kien għadu ftit il-bogħod milli l-lajċi jiġu afdati bit-tagħlim tal-katekiżmu, aħseb u ara kemm kienet aktar diffiċli li wieħed jaċċetta li mara tieħu f’idejha dan ir-rwol. Sa dan it-tant, Dun Ġorġ kien iħoss id-dmir li lil Ġannina jatiha formazzjoni kbira biex hi tkun tista’ tifforma l-membri sħabha. Ukoll biex kemm jista’ jkun ma jkunx hemm indħil minn naħa tiegħu fis-sezzjoni femminili.
Ġannina kienet kunfidenti li Dun Ġorġ kien se jgħinha u għalhekk intefgħet b’ruħha u b’ġisimha għal dan l-appostolat. Tant ħaditha bis-serjetà u b’responsabbiltà din il-missjoni, li aktar tard il-Kummissjoni ta’ l-Inkjesta qalet li l-qasam tar-Raħal il-Ġdid kienet Ġannina li fetħitu u mhux Dun Ġorġ. Hi kienet is-superjura lokali ta’ dan ir-raħal hekk kif stqarret hi stess fl-inkjesta ‘Jiena ftaħt Museum għall-bniet f’Raħal Ġdid, u tiegħu kont is-superjura lokali.’ L-ewlenin soċi bniet ma kellhomx ħlief maħżen fejn jiltaqgħu. In-numru ta’ soċi beda jiżdied ġmielu, fosthom kien hemm: Carmela Rizzo, Ġulja Rizzo, Carmela Darmanin, Lizzie German, Vinċenza Borg, Rebekka Gibson, Ġużeppa Cutajar, Ġużeppa De Giovanni, Ġannina Caruana, Rosarja Sofia, Carmela Galea u Pawlina Abela. Il-maħzen li kellhom kien fqir ħafna, tant li ma kellhomx anqas fejn ipoġġu, allura Ġannina u sħabha kienu jġorru ġebel u jpoġġu twavel biex jużaw minnflok bankijiet.
Issa Ġannina ma baqgħetx tifla fejn tidħol responsabbiltà u dedikazzjoni, imma refgħet ir-responsabbiltà b’ħafna dedikazzjoni u mħabba. Ġannina kienet tiġbor lit-tfajliet biex teħodhom iqerru darba f’ġimgħa u matul il-ġimgħa tgħallimhom il-katekiżmu. L-għaxqa tagħha kienet meta jmur iżurhom Dun Ġorġ u jatihom xi konferernza biex jinbnew spiritwalment.
Ġannina kienet tieħu gost tgħallem lit-tfal iż-żgħar u milli jidher it-tfal ukoll kienu jieħdu gost biha u jfittxuha. Xi soċi li għadhom jiftakru lil Ġannina jirrakontaw li meta kienu joħorġu mill-Museum kienu jaqbdu jkantaw fit-toroq ta' Raħal Ġdid:
It-tfal bdew jiżdiedu fin-numru u għalhekk il-maħżen sar żgħir. Is-Sur Anġ, missier Ġannina kellu mezzanin fi triq Santa Monika u krieh lill-bniet bi ftit flus. Hawnhekk it-tfal bdew jiġu mħejjija għall-ewwel tqarbina. Soċja li tiftakar lil Ġannina tirrakkonta li Ġannina kienet tgħamlilhom festin ċkejken wara li dawn it-tfal kienu jirċievu l-ewwel tqarbina fil-paroċċa. Mhux biss, imma matul il-ġimgħa kienu wkoll iħejju festin għall-ġenituri ta’ l-istess tfal. L-istess kien isir fil-Milied.Ejjew ejjew ejjew, immorru l-Museum
Il-Museum immorru bil-qalb,
għax nitgħallmu ħafna talb
Immorru għand Ġannina – biex nitgħallmu d-duttrina.
Ġannina kienet ruħ Ewkaristika u hekk ħadmet mas-soċi tagħha, tant illi talbet lill-kappillan biex jatihom permess biex iġibu s-sagrament f’kamra fl-istess mezzanin, li aktar tard għamluha kappella, u s-soċi kienu jagħmlu adorazzjoni li ma taqtax anqas matul il-lejl.
Hilda Chircop li kienet superjura Generali mis-sena ___ tghid hekk dwar Ġannina:
Missier is-Superjura Ġenerali kien armel u reġa’ żżewweġ. Meta Dun Ġorġ Preca kien ħatar lil Ġannina bħala l-ewwel Superjura Ġenerali, u bdew jinfetħu l-oqsma, missierha kien jeħodha fl-oqsma biż-żiemel. Dak iż-żmien avolja kienet għadha żgħażugħa, Ġannina għaddiet minn żmien meta s-Soċjetà ma kienetx tant apprezzata, għax mhux kulħadd fil-Knisja kien fehem din is-Soċjetà ġdida ta’ lajċi, ġuvintur u xebbiet li jitgħallmu l-Kelma t’Alla biex jgħallmuha lill-oħrajn, speċjalment lit-tfal.
Missier Ġannina kien negozjant ta’ l-inbid. Il-Mulej ipprovdielu l-ġid, u hu użah tajjeb, billi f’Raħal Ġdid fi triq Santa Monika, fejn it-triq tgħalaq u għal ġo fiha jati l-bieb tal-ġnien tad-dar tiegħu, hu ipprovda l-post għall-qasam ta’ Raħal Ġdid, kif ukoll dar għas-soċi interni, u kappella li 'l quddiem saret sagramentali, semi-publika bl-adorazzjoni ta’ Ġesù Sagramentat il-ġurnata kollha.
Ġannina kellha kwalitajiet li għanuha bħala katekista tat-tfal u ż-żgħażagħ. Kellha personalità. Jiena ma niftakarhiex żagħżugħa, nafha fl-aħħar tnax-il sena ta’ ħajjitha (mietet fis-sena 1958 meta kellha xi 66 sena). Kellha persuna u mġieba li tispira rispett bla ma tatik idea ta’ bniedma mkabbra jew li tiddejjaq tkellimha għall-ewwel darba. Bħala kandidata u soċja żagħżugħa jiena kelli idea tagħha ta’ bniedma li taf xi trid, persważa minn dak li qed tgħid, meta tagħmel diskors ma kont niddejjaq qatt nismagħha, għax il-vuċi tagħha kienet ċara u mhux monotona. Meta tirrakonta storja biex tispjega aħjar dak li kienet tkun trid tfhemna, l-istorja kienet tatiha l-ħajja u tagħmilha interessanti u relevanti għalina ż-żgħażagħ. Ma niftakarhiex tieħu fit-tul u għalhekk l-interess tagħna kien jibqa’ sa l-aħħar u noħorġu mil-laqgħa b’xi ħaġa li nibqgħu niftakruha. Mhux biss, imma wkoll nippratikawha. Għalija kienet bniedma fil-veru sens tal-kelma ‘edifikanti’ għax bi kliemha u bl-imġieba tagħha kienet tgħinek tinbena f’edifiċju spiritwali – b’metodi li ma jimbuttawkx, avolja jitolbu sagrifiċċju. Kienet waħda min-nies li kont nammira u napprezza – speċjalment għax kont ninduna li taħt dik il-personalità li jien kont insejħilha nobbli kien hemm fl-istess ħin ċerta sempliċità li tgħin biex tinħass fiha l-umiltà li tkompli ssebbaħ il-karattru tagħha.
Ġannina tat lilha n-nifisha lil Alla, kienet tfittex lilu biss f’dak li tagħmel u taqdieh bil-ġenerożità fil-persuna tal-proxxmu. Dan l-ispirtu, jiena ċerta li tnissel fiha mid-dixxipulat u t-taħriġ li ħadet direttament mill-Fundatur, il-Beatu Ġorġ Preca li bil-kitba, bil-kelma u bl-eżempju ma għejja qatt irawwem lis-soċi fl-ispirtu ta’ Kristu. Ġannina kellha l-ħin u r-rieda qawwija biex timxi 'l quddiem f’din l-iskola ta’ l-ispirtu ta’ Kristu. Kienet ukoll intelliġenti li taqbad malajr dak li kien jispjegalha l-Fundatur. F’kelma waħda hi tat ruħha u ġisimha lil Alla fis-Soċjetà tal-MUSEUM u ħallietu, permezz ta’ Dun Ġorġ, minkejja d-djufija u ċ-ċokon tagħha jagħmel minnha strument li jispira u janima numru sabieħ ta’ żgħażagħ biex iħaddnu u jipperseveraw fil-ħajja u l-appostolat mużewmin. Kellha fidi qawwija, imsaħħa bl-imħabba u din il-fidi bla ma tinduna kienet tgħaddiha lil ta’ madwarha. Kien kas tipiku tal-prinċipju li ‘l-fidi tittieħed’. Ma kellha xejn mid-dinja ħlief li tressaq l-erwieħ lejn is-Sinjur Alla u lejn il-persuna maħbuba ta’ Ġesù Kristu.
L-imħabba personali tagħha lejn Ġesù dehret ħafna fil-ferħ kbir li ġarrbet meta rnexxiela tikseb il-permess illi l-kappella tal-qasam ta’ Raħal Ġdid issir Sagramentali fis-sena .............u wisq żdied il-ferħ tagħha meta fis-sena........... ingħata l-permess ta’ l’Adorazzjoni Perpetwa kuljum mis-7.00 ta’ filghodu sa l-4.30 ta’ fil-għaxija. Għall-bidu kienu jieħdu ħsieb jinbidlu kull nofs siegħa fuq il-ġinokkjatur is-soċi interni u esterni ta' Raħal Ġdid u waħdiet mill-oqsma viċini. Imbagħad f’dawn l-aħħar snin daħlu mal-lista anke xi nies barranin. Fil-kappella kont taraha spiss lis-Superjura Ġannina għax kienet temmen ħafna li l-appostolat jissaħħaħ bit-talb u bid-devozzjoni lejn Ġesù fl-Ewkaristija.
Kemm kienet ferħet meta ġiet biex tiġi ordnata l-ġirandola għall-adorazzjoni, u xi soċi ġabu oġġetti tad-deheb biex jiddewbu u huma jkollhom sehem personali fuq l-artal!
Ġannina kienet bniedma ta’ umiltà ġenwina u sinċiera – imma kienet iżżomm 'id-dinjità' ta’ superjura. Kienet tifhem li uffiċju ta’ superjura għandu jispira rispett; u li l-imgieba tagħha trid tgħin lis-sudditi (kelma komuni dak iż-żmien) biex ma jsibuhiex tqila li jobdu lil min jirrapresenta lis-Sinjur Alla. Kemm-il darba qalet ‘Ma’ ċertu nies numilja ruħi u nitbaxxa, imma ma’ oħrajn irrid inżomm posti’ u dan dejjem għall-ġid.’ Dan kien juri l-prudenza tagħha wkoll. Kellha interes li tisma’ lil kull min xtaq ikellimha fuq dak li qed jiġri fis-soċjeta’. Kienet akkost ta’ kollox tixtieq li s-soċja jew superjura tħossha komda li titkellem magħha u għalhekk ma kientx tiddejjaq jekk xi soċja per karattru kienet titkellem goff, anzi kienet tinkoraġġiha biex titkellem bil-libertà kollha, kif tħossha, ‘bla ċfuf u żigarelli’, bla attenzjoni żejda lejn ‘etiquette’. Kient tara li l-każ kien jiġi mogħti l-attenzjoni li jixraqlu għall-ikbar ġid ta’ kulħadd. F’laqgħat personali ma’ soċi kienet taċċetta u tinkuraġġixxi rimarki u kritika ta’ xi andament fis-Soċjetà jew ta’ xi deċiżjoni meħuda bla studju sewwa taċ- ċirkostanzi kollha. L-intenzjoni retta u l-ġid ta’ l-erwieħ kienu jiġu l-ewwel u qabel kollox għaliha. Dan kien ferraħa wkoll meta xi soċja kienet tavviċinaha u tagħmlilha xi rimarka fuqha personali biex tirranġa xi ħaġa li ma kienetx korretta biżżejjed.
Interess fl-oqsma: Għall-ħabta ta’ l-1955 inqala' l-bżonn li nixtru l-lokal tal-Furjana li kien għall-bejgħ bħala parti mill-wirt li s-Sur Borg (missier Fr. Borg Ġiżwita) ħalla lill-Ġiżwiti biex tinbena d-Dar ta’ l-Irtiri ‘Mt. St. Joseph’. Kien iqum madwar Lm2000 li dak iż-żmien kienet somma ġmielha! Ħafna mis-soċi ma kienux jaħdmu u flus fil-MUSEUM ma kienx hemm! F’laqgħa li kellna B’Kara, Kekina Briffa qalet lis-superjura Ġannina ‘Għax ma ngħidux lis-soċi biex joħorġu xi ħaġa kull wieħed?’ Il-Ġenerali rrispondiet, ‘mela se nixtru xi kaxxa sulfarini?’ imma b’dak l-ispirtu umli tagħha xorta aċċettat il-proposta u esortat lis-soċi biex jgħinu. Ir-risposta kienet ta’ kuraġġ kbir. Min ta ċurkett u min oġġett ieħor tad-deheb, u min xi ħaġa tal-flus. Is-somma inġabret u l-post inxtara! Kien l-ewwel qasam li nxtara, u serva ta’ kuraġġ biex warajh inxtraw diversi oqsma biex jibqa’ jsir it-tagħlim tad-duttrina. Kull darba li jinxtara qasam kienet tkun okkażżjoni biex is-soċi jeżerċitaw dak li kien jeżorta spiss il-fundatur. ‘Ħsieb is-soċju, jiġifieri l-ispirtu tiegħu, hu li ma jibżax għal butu biex jinqeda bil-ġid tiegħu temporali għall-kultura ta’ l-erwieħ fl-ispirtu, tas-Sinjur hija l-art u kull ma fiha’ (cfr No.15, Ħsieb is-soċju Mużewmin – Dun Ġorġ Preca). Ġannina kienet l-ewwel waħda li tat l-eżempju lis-soċi fuq dan is-suġġett. Dwar ix-xiri tal-lokal tal-Furjana ‘f’kanzunetta’ kienet baqgħet issemmi l-każ tas-soċja anzjana li tatha xi oġġett tad-deheb antik tal-familja li kien ħafna marbut ma’ qalbha, dan biex ikollha sehem fit-tagħlim fil-Furjana. Dawn s'intendi kienu kollha soċi minn barra l-Furjana, għax fil-Furjana kien hemm biss xi ħames soċi.
Distakk u spirtu ta’ Faqar: Is-soċi deheru li ħadu l-ispirtu tal-Fundatur: li kull meta jkollhom xi ħaġa tal-flus f’idejhom jibgħatuha lil xi qasam fil-bżonn f’Malta jew f’Għawdex biex iħallsu l-kera. Ġannina ġieli qalet "Iktar nieħu pjaċir meta xi ħadd jati donazzjoni lis-soċjeta’ milli meta ħija jdaħħal il-kera!"
Meta qegħdin nitkellmu fuq il-flus, tajjeb li ngħidu kemm kienet iddistakkata mill-ġid ta’ din l-art. Huma kienu familja tat-tajjeb li s’intendi, Ġannina kellha sehemha mill-propjetà, u hi kellha biss żewġ ħutha ġuvintur. Hi qatt ma kellha xewqa li jkollha flus f’idejha. Kien jamministra u jżomm kollox ħuha Karmenu.
Ilbiesha ukoll ma kellu ebda differenza minn tas-soċi komuni, anqas fil-kwalità tad-drapp (iswed). Ġannina kienet dejjem iżżomm ruħha pulita u nadifa. Dwar il-kumdità fid-dar, kienet ħafna attenta dwar l-ispirtu ta’ distakk (meta bdew isiru komuni s-saqqijiet tal-molol damet taħsibha tixtrix wieħed u dan għamlitu bil-parir).
Ħajja ta’ talb: Kif diġà għidna, Ġannina kienet issib l-għaxqa tagħha fl-adorazzjoni. Kienet tqatta ħafna ħin quddiem Ġesù fl-Ewkaristija. Kienet devota ħafna ta’ l-arloġġ mużewmin. Jien ċerta li ħadet ħafna enerġija għad-diskorsi lill-kbar u liż-żgħar mill-preżenza tat-Trinità Qaddisa ġewwa fiha u mill-kuntatt spiss mat-tlett persuni tat-Trinità; kif kien jgħallem Dun Ġorġ lis-soċi li jkunu konxji tal-preżenza t’Alla fihom u madwarhom. L-imħabba t’Alla imbgħad ħeġġet fiha l-imħabba lejn dak kollu li jgħin fis-salvazzjoni ta’ l-erwieħ u fit-trawwim tal- -------. Kienet tħobb taqra ħafna biex ikollha materjal x’tati lis-soċi, lit-tfal , u lill-adulti. Il-mod kif kien jasal il-messaġġ tagħha f’min jismagħha kien jixhed il-ħajja intima ta’ talb tagħha bħala sapport u bi tħejjija għall-appostolat.
Fl-aħħar ta’ ħajjitha ħalliet xi tifkiriet sbieħ dwar l-appostolat tal-Kelma. Inġibu eżempju: Fl-aħħar ħmistax ta’ ħajjitha, kien hemm is-sajda fiż-Żurrieq. Minħabba xi bżonnijiet speċjali li kien hemm fiż-żurrieq, il-ġenerali kellha l-kuraġġ li tiddeċiedi li tippostponi s-sajda f’pajjiżha Raħal Ġdid, li kollox kien ġie preparat għaliha. Attendiet diversi drabi għas-sajda. Il-Ġunta talbitha tagħmel diskors ta’ introduzzjoni f’wieħed mill-postijiet prinċipali. Hi aċċettat, imma wara wriet li ma tiflaħx. Tal-Ġunta qalulha li tipprova titkellem hi, u jekk tkun ma’ tiflaħx jagħmel id-diskors xi ħadd minnhom. Sfurzat u għamlet id-diskors. Il-kelma persważiva tagħha għamlet ġid kbir lill-ħafna żgħażagħ li semgħuha. Il-Presidente tas-Sajda xehdet li diversi ikkonvertew serjament u talbuha tgħinhom biex jagħmlu qrara tajba.
Fidi u kuraġġ fis-servizz t’Alla: Fis-Sajda taż-Żurrieq, tant impressjonat ruħha bil-ġid li joħroġ mill-kelma t’Alla, u tant xtaqet li s-Soċjetà timxi fuq il-pjan imfassal għaliha minn Alla, illi f’diskursata li kellha fiż-Żurrieq ma' waħda mis-superjuri tal-korp qaltilha li fis-Soċjetà f’dak iż-żmien kien hemm ħafna problemi, imma hi, bħala Superjura Ġenerali kienet qed tħoss KURAĠĠ kbir li tagħmel dak kollu li l-Mulej jitlob minnha, anke tbatija personali bex is-Soċjetà ma tmurx lura fl-ispirtu mużewmin għall-ġid ta’ l-erwieħ. Ħassejt ċertezza li Alla se jgħinni. Veru li kienet ħeġġa u kuraġġ mhux tas-soltu, għax l-għada il-Mulej ħadha miegħu b’mewta għall-għarrieda waqt li kienet tilbes biex tmur għall-quddiesa. Żgur li talbet għas-superjuri ta’ warajha biex tkompli xi xewqat li ma laħqitx poġġiet fil-prattika.
Superjura Ġenerali għal 48 sena: L-iktar fatt impressjonanti u edifikanti fit-tmexxija tas-Superjura Ġannina hu li hi mexxiet is-Sezzjoni Femminili f’perjodi tant differenti li kienu jitolbu kuraġġ u prudenza. Dan kien iktar ta’ mertu għaliha quddiem Alla minħabba l-fatt li hi trabbiet f’ambjent ta’ sempliċità fil-familja. Kienet tifla waħda ma’ żewġ ħutha subien. Qatt ma ngħatat iċ-ċans li tiżviluppa sens ta' assertività. Minn kmieni Ġannina kienet mgħotija għal ħajja ta' spiritwalità. Dan saħħaħ fiha l-bilanċ tal-virtù tal-fidi. Ħaġa oħra: l-ambjent magħluq u protett tal-familja ma laqqagħhiex mal-problemi u diffikultajiet tal-ħajja. Ma kellhiex neputijiet u f’żgħożitha ma ltaqgħetx ma’ familji bi problemi morali u soċjali. Dan kien żvantaġġ għaliha meta ta’ età ta’ sittax-il sena Dun Ġorġ għażilha Superjura Ġenerali tas-Sezzjoni Femminili li kienet għadha fil-bidu nett ta’ l-eżistenza tagħha. Fil-bidu, s-Soċjetà sofriet ħafna anke mill-fatt li l-istess awtorità tal-Knisja f’Malta kif ukoll saċerdoti u ċerti kappillani ma fehmux l-appostolat tal-lajċi kif kien qed jorganizzah Dun Ġorġ. Jekk is-sezzjoni tal-ġuvintur dehret barra minn lokha, kemm iżjed is-sezzjoni tax-xebbiet fi żmien meta l-post tal-mara kien biss fid-dar, għall-maġġoranza l-kbira tan-Nisa.
Is-superjura Ġannina u l-ewlenin soċi (fil-bidu tas-seklu) aċċettaw bir-rassenjazzjoni din is-sitwazzjoni li xi drabi kienet ukoll iġġib magħha l-persekuzzjoni. Min jingħaqad mas-Soċjetà ma kienx ikollu wisq x’jiġbdu skond in-natura, u għalhekk Dun Ġorġ kien jgħallmuh x’tagħmel il-grazzja u x’tagħmel in-natura. Imbagħad fi żmien il-gwerra u forsi qabel ukoll bdiet tinbidel il-folja. Beda jiżdied in-numru ta’ kappillani u saċerdoti li bdew japprezzaw il-Museum. Dan ferraħ mhux ftit lis-Superjura Ġannina meta bdiet tara saċerdoti jiffrekwentaw l-oqsma, kemm fil-ġranet komuni u kemm f’xi festin tal-preċett u l-Griżma.