Rakela Camilleri (maltese)

Rakela Camilleri twieldet in-Nadur, Għawdex, fid-29 t’Ottubru 1889. Il-ġenituri tagħha kien jisimhom Franġisk Camilleri u Marija nee’ Meilaq.

Kienet il-ħames waħda fost seba’ aħwa. Tnejn minn ħutha kienu saċerdoti: il-Kanonku Dun Anton li kien Arċipriet tal-parroċċa tan-Nadur, u l-Kanonku Dun Karm li kien Dekan tal-Kolleġġjata ta’ l-istess parroċċa. O]tha Anġela, li kienet akbar minnha, kienet “Head” fl-iskola primarja ta’ diversi skejjel f’Għawdex. Oħtha ż-żgħira, Ġorġa, kienet soru mal-Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesu’, bl-isem ta’ Sister Ġiaċinta.

Rakela, bħal ħutha l-oħrajn, kienet imrobbija f’ambjent reliġjuż. Kienet tirrakkonta li kellhom ziju saċerdot li kien jgħallimhom ħafna fuq Alla u kif għandhom iħobbuh fuq kollox u fuq kulħadd.

Fiż-żgħożija tagħha, Rakela ddeċidiet li tingħata kollha kemm hi għal Alla. Billi kienet qegħda tieħu l-edukazzjoni tagħha Malta mas-sorijiet ta’ St.Joseph f’tas-Sliema hija marret tibda n-Novizzjat tagħha f’Marsilja fi Franza. Iżda ġara li wara xi żmien is-Superjuri tagħha bagħtuha Malta ma’ novizza li kellha bzonn tiġi d-dar minħabba saħħitha. Dan kien biex ngħidu hekk sinjal għal Rakela li Alla jridha taħdem fl-għalqa tiegħu b’mod differenti.

Rakela ma kienitx taf li Dun Ġorġ Preca fetaħ xi Mużewijiet f’Malta. Iżda darba waħda marret Malta flimkien ma’ Pawla Grech, li din ukoll kienet ruħ tajba u tħobb tgħallem id-duttrina lit-tfal fir-raħal tan-Nadur. Kif kienu Malta, ltaqgħu ma’ soċja tal-MUSEUM. Waqt li kienu qegħdin ikellmuha fuq l-appostolat li kienu qegħdin iwettqu mat-tfal, hi qaltilhom biex imorru jiltaqgħu ma’ Dun Ġorġ Preca biex jurihom aħjar x’għandhom jagħmlu. Il-Fundatur riedhom jiftħu MUSEUM fin-Nadur wara li jkunu ħadu l-permessi meħtieġa mill-Awtoritajiet Ekklesjastiċi. Lil Pawla Grech ħatarha l-ewwel Superjura ta’ l-ewwel qasam f’Għawdex, dak tan-Nadur, u lil Rakela biex tieħu ħsieb oqsma oħra li kellhom jinfetħu ‘l quddiem. Lil Rakela mela, għamilha Superjura Djoċesana. F’dan is-sens Dun Ġorġ f’xi wħud mill-ittri li kiteb lil Rakela sejħilha Superjura Ġenerali.

Rakela kienet iżżur ta’ spiss il-Mużewijiet f’Għawdex. Kienet tmur Malta wkoll. Dak iż-żmien it-trasport għal Malta ma kienx komdu. Ma’ Dun Ġorġ kienet tikkomunika wkoll permezz ta’ l-ittri li għall-grazzja t’Alla kienu ikkonservati għand il-membri tal-familja tagħha u issa jinsabu fl-Arkivju tal-MUSEUM Malta. Kienet strument li jkollna ħafna ittri sbieħ minn għand Dun Ġorġ bħala risposta għall-ittri tagħha. Dawn l-ittri juru l-ispirtu ta’ Dun Ġorġ u huma teżor prezzjuż għax jagħtuna stampa ta’ l-attitudni tiegħu lejn il-ħajja Mużewmina.

Wara li l-ewwel Superjura tal-qasam tan-Nadur, Pawla Grech ma setgħetx tkompli tattendi regolari minħabba problemi familjari, Rakela ġiet maħtura wkoll t-tieni Superjura tal-qasam tan-Nadur. Hi ndaħlet għal din il-biċċa xogħol f’eta’ żagħżugħa b’ruħha u b’ġisimha għax għarfet il-ħtieġa tat-tagħlim kemm għall-kbar kif ukoll għat-tfal. Biex ikollha materjal biżżejjed f’idejha għat-tagħlim, kienet tgħaddi ħafna mill-ħin tal-ġurnata taqra u taqleb kotba mit-Taljan għall-Malti.

Rakela kienet tgħallem mhux biss lit-tfal u lit-tfajliet, iżda wkoll lill-ommijiet. Għadna sal-lum niltaqgħu ma’ nisa miżżewġin li jgħidulna x’kienet tgħallimhom is-Superjura Rakela fil-qagħdat regolari li kienet tagħmlilhom fil-ħin tas-2.30 p.m. Kienet tifhem kemm l-omm għandha rwol importanti xi twettaq fil-familja. In-Nadur kollu jiftakar lil Rakela, u sal-lum ħafna familji għadhom igawdu l-frott tat-trobbija regolari, assidwa u kollha mħabba fil-MUSEUM. Dan kien ifisser għal Rakela sagrifiċċji tal-ħin tal-mistrieħ u tal-flus.

Rakela involviet il-familja kollha tagħha fil-MUSEUM. Hekk ħuha l-Arċipriet Dun Anton kien ta’ għajnuna fir-relazzjonijiet ma’ l-Isqof biex jingħata l-permess tal-ftuħ tal-qasam tal-MUSEUM fin-Nadur. In-neputi tagħha d-Dekan Dun Frans kien direttur Spiritwali ta’ bosta soċji. Oħtha Anġela kienet l-id il-leminija ta’ Rakela f’kull aspett. Għalkemm qatt ma kienet membru tas-Soċjeta’, hija kienet tgħix il-ħajja mużewmina u tgħix bħal tal-MUSEUM. Fejn ma kenitx tasal Rakela kienet tasal hi fl-affarijiet esterni u spiritwali. Fl-amministrazzjoni tal-qasam biss ma kienitx tieħu parti bi spirtu ta’ prudenza.

Rakela kienet iżżur l-oqsma t’Għawdex f’Għajnsielem, Xewkija, Qala u Rabat bil-mixi, kemm f’żgħożitha kif ukoll x’ħin kibret ftit fl-eta’. Ma nistgħux ma nsemmux l-appostolat tagħha fil-qasam tan-Nadur meta jaħbtu xi festi speċjalment il-Milied. Trid tara lit-tfal imdawrin magħha għar-reċti, djalogi u poeżiji. L-istess ng]idu għall-karnival u l-Għid. F’Mejju kienet torganizza r-Rużarju l-ħaj fil-pjazza tal-parroċċa tan-Nadur bit-tfal.

Rakela kellha devozzjoni kbira lejn San Mikiel għax kienet tgħid: “Hu jrid jiżinna x’ħin nidhru quddiem Alla”. Hija kienet tiċċelebra l-festa ta’ San Mikiel bi kbir. Filgħodu kienet issir quddiesa fil-Knisja tal-Qalb ta’ Ġesu’ li fiha kienu jieħdu sehem mhux biss il-membri iżda n-nies ukoll. Imbagħad fil-MUSEUM isir il-programm ta’ San Mikiel. Fil-għaxija l-qasam kien ikun miftuħ għan-nies li kienu jiġu jżuru lil San Mikiel. Flimkien magħhom hija kienet tgħid il-Kurunella ta’ San Mikiel u jitkanta l-Innu tiegħu. Dan kollu għadu jsir sal-lum.

Meta Rakela ma setgħetx tattendi aktar il-MUSEUM minħabba x-xjuħija u baqgħet id-dar li tinsab faċċata tal-MUSEUM, is-soċji u t-tfal xorta kienu jkellmuha ta’ kuljum u jieħdu minnha direttivi, nkuraġġiment u kulma kellhom bżonn.

Rakela kienet strumentali biex il-familja tagħha ħallew lok ta’ bini għall-MUSEUM u għenu wkoll finanzjarjament. Min jaf kemm ġid spiritwali ħareġ mit-tagħlim li sar u għadu jsir f’dan il-lokal.

Hija nkuraġġiet lill-pro-neputija tagħha Eugenia Camilleri biex issir soċja meta kellha 22 sena bħala riżultat tas-Sajda Mużewmina. Ma nistgħux ma nsemmux ukoll lill-Kanonku Dun Ġuzepp Grech pro-neputi ta’ Rakela, li jinteressa ħafna ruħu fil-bżonnijiet tal-MUSEUM li jinqalgħu minn żmien għal żmien.

Fis-Sajdiet Mużewmini tas-sittinijiet u sebgħinijiet daħlu ħafna żgħażagħ fl-oqsma f’Għawdex. B’dawn iż-żgħażagħ ġodda nfetħu l-oqsma tax-Xagħra u ta’ Kerċem. Rakela kienet taħdem b’ruħha u b’ġisimha għall-perseveranza ta’ dawn iż-żgħażagħ. Kienet tistieden Superjuri minn Malta biex kull xahar jiġu fl-oqsma f’Għawdex biex ikomplu jrawmu lil dawn iż-żgħażagħ.
Fil-gwerra infetaħ ukoll il-qasam tar-Rabat f’Għawdex mis-Superjura Teresa Adami li kienet evakwata fir-Rabat Għawdex minn Malta. Il-qasam tar-Rabat ukoll kellu numru sabiħ ta’ soċji żgħażagħ. Meta s-Superjura Adami marret lura Malta, s-Superjura Rakela u s-Superjuri Maltin għenu bis-serjeta’ fil-formazzjoni ta’ dawn iż-żagħżagħ.

Rakela kienet bniedma ta’ talb. Hija tat formazzjoni għal-Liturġija u ċerti devozzjonijiet bħal Via Sagra u lejn Ġesu Sagramentat. Daqstant ieħor kienet stretta li s-soċji ma joqgħodux il-Knisja għal dawn id-devozzjonijiet waqt il-ħin tal-MUSEUM.

Fl-aħħar marda tagħha, Rakela kienet batuta. Qatt ma kienet tgerger, imma b’umilta’ kbira u b’rassenjazzjoni aċċettat dak kollu li kellha ssofri għall-bżonnijiet tas-Soċjeta’ biex is-Sinjur Alla jkattar in-numru tas-soċji għas-salvazzjoni ta’ l-erwieħ. Mietet ta’ 87 sena fis-27 ta’ Ġunju 1977 imdawra mill-familjari tagħha.

Patri Alexander Bonnici fil-ktieb tiegħu “In-Nadur” fost affarijiet oħra hekk kiteb dwar Rakela: “Qatt ma nistgħu nfaħħruha biżżejjed għall-kollaborazzjoni tagħha ma’ Dun Ġorġ Preca fit-twaqqif u t-tmexxija tal-M.U.S.E.U.M. tal-Bniet f’Għawdex”. Dwar id-dar ta’ Rakela u ħutha Patri Alexander Bonnici imbagħad kiteb li din “tqaddset bil-presenza ta’ Dun Ġorġ. Il-Fundatur qaddis tal-MUSEUM kien jgħaddi l-lejl fiha fil-ftit drabi li kien imur Għawdex”.

Il-poplu tan-Nadur wera l-apprezzament tiegħu għal dak li Rakela għamlet għal dan ir-raħal. It-triq li fiha hemm id-dar tagħha ġiet imsemmija “Triq Rakela Camilleri”.